Rebħa tajba tħalli lill-Gżira United b’punti massimi.
Gżira United irnexxielhom
darbtejn idawru r-riżultat biex rebħu logħba importanti kontra Għargħur biex
ħalliet lit-team tal-maroons b’punti
massimi meta rebħu t-tliet logħbiet li lagħbu sa issa fit-tieni divijżoni.
Kienu Gżira li bdew fuq l-offensiva biex fis-sitt minuta marru vicin li jmorru fil-vantaġġ minn daqqa ta’ ras ta’ Alessandro Pirrone fuq cross ta’ James Tabone. Gżira komplew jippressaw biex sat-tmien minuta ta’ l-ewwel taqsima kienu diġà sfurzaw żewġ corners. Azzjoni bejn Josef Felice u Richard Attard fl-għaxar minuta rat lil Richard Attard jagħti ‘through ball’ perfett lil Miguel Mifsud li kkonkluda għoli. Wara kwarta logħob kienu Gżira li reġgħu kienu perikolużi fuq cross ta’ Neil Gatt Coleiro li minnu Thane Micallef ma kkonkludiex tajjeb. L-ewwel azzjoni ta’ nota ta’ Għargħur waslet fl-għoxrin minuta meta Robert Southward tefa’ fix-xibka imma ġustament il-goal tħassar minhabba li l-istess Southward kien f’pożizzjoni ta’ offside.
Mat-tnejn u għoxrin minuta logħob Gżira reġgħu kienu perikolużi, foul f’nofs il-ground ta’ Daniel Borg fuq Alessandro Pirrone, inkariga minnu James Tabone li tefa’ fuq ras l-istess Pirrone li ra lil Goalkeeper ta’ Għargħur Mark Aquilina isalva b’diffikultà. Fis-sitta u għoxrin minuta logħob Gżira resqu vicin li jiftħu l-iscore. Flick ta’ Alessandro Pirrone lejn Miguel Mifsud fejn dan tal-aħħar avvanza fuq ix-xellug u l-cross shot tiegħu lejn Richard Attard kien imxellef għal corner mill-goalkeeper tal-Għargħur fejn inġustament ir-referee jagħti goal kick favur Għargħur. Fis-sebgħa u għoxrin minuta logħob, clearance tad-difiża ta’ Għargħur fuq cross ta’ Richard Attard il-ballun jaqa’ fuq sieq Miguel Mifsud li minn pożizzjoni tajba jikkonkludi għoli. Wara nofs siegħa logħob rajna free kick ieħor ta’ Miguel Mifsud imdawwar f’corner. Fit-tnejn u tletin minuta rajna lir-referee juri l-ewwel karta safra tal-partita lil David Galea ta’ Għargħur meta dan ikkommetta foul fuq Richard Attard. Ftit wara eżattament fil-ħamsa u tletin minuta logħob kien imiss li jigi mwissi Gordon Mizzi ta’ Gżira United wara li dan miss il-ballun b’idejh.
Kontra x-xejra tal-logħob kienu Għargħur li marru fil-vantaġġ meta minn attakk rari fuq il-linja tal-lemin kien Hubert Bonello li miss il-ballun u tefa’ fix-xibka wara l-goalkeeper sieħbu Keith Camilleri. Wara dan il-goal rajna ħafna logħob konfuż f’nofs il-ground u daħliet xi ftit goffi għal-ballun miż-żewġ naħat.
Ftit qabel ir-referee saffar tmiem l-ewwel taqsima Gżira rebħu corner wara li cross ta’ Richard Attard ġie kklerjat mid-difiża ta’ Għargħur. Mil-istess corner mogħti minn Miguel Mifsud clearance konfuż tad-difiża ta’ Għargħur għal ftit ma spiċċax fil-lasta tal-goalkeeper Mark Aquilina.
Mal-ftuħ tat-tieni taqsima rajna lir-referee juri l-karta s-safra lil Robert Southward ta’ Għargħur għal foul fuq James Tabone. Mill-istess azzjoni Richard Attard ta’ Gżira ġie wiċċ imb wiċċ mal-goalkeeper ta’ Għargħur Aquilina li dan ta’ l-aħħar salva tajjeb. Gżira komplew jippressaw fejn fid-disgħa u erbgħin minuta Josef Felice jisraq ballun tajjeb f’nofs il-ground. Felice jagħti ballun lejn Miguel Mifsud, dan ta’ l-aħħar jitfa’ ballun insidjuż fil-kaxxa fejn id-difiża ta’ Għargħur ikklerjat fi throw in. Mas-sittin minuta logħob kien imiss lil Matthew Cocks li jiġi mwissi mir-referee tal-partita. Biex fl-erbgħa u sittin minuta logħob rajna cross perikoluż ta’ Neil Gatt Coleiro, daqqa ta’ ras perfetta ta’ Richard Attard tispiċċa ġox-xibka u l-assistent referee inġustament xejjer il-bandiera għal offside ineżistenti. Il-goal tal-Gżira wasal fis-sebgħa u sittin minuta logħob meta Richard Attard rebaħ ballun f’nofs il-ground, mil-istess azzjoni Miguel Mifsud ikkrossja ballun tajjeb lejn Alessando Pirrone li minn qagħda tajba tefa’ ġewwa. Għargħur għamlu reazzjoni tajba u tliet minuti wara reġgħu marru fil-vantaġġ meta minn żball fid-difiża ta’ Gżira l-attakkant ta’ Għargħur Shaun Vella tefa’ fix-xibka fost il-protesti tal-players Gżirjani għal foul ta’ l-istess attakkant fuq Gordon Mizzi.
Gżira għamlu l-ewwel sostituzzjoni meta fit-tlieta u sebgħin minuta Joseph Mallia ħa post Gordon Mizzi. Minuta wara kienu Gżira li reġgħu skorjaw il-goal tad-draw. Shot ta’ Richard Attard ġie milqugħ parzjalment mill-goalkeeper tal-Għargħur bil-ballun jispiċċa f’saqajn Alessandro Pirrone li minn qagħda tajba ma falliex.
Għargħur ippruvaw jagħmlu reazzjoni u cross ta’ Alan Spiteri ġie interċettat minn Keith Camilleri. Biex ftit wara rajna lir-referee jerġà juri karta safra oħra din id-darba lill-player ta’ Għargħur Shaun Vella.
Fid-disgħa u sebgħin minuta rajna mossa inteliġenti ta’ Richard Attard fejn dan ma missx il-ballun minħabba li seta’ kien f’pożizzjoni ta’ offside, daħal tajjeb għall-ballun is-solitu Miguel Mifsud li bi cross perfett lejn Alessandro Pirrone li reġa’ ma ħafirx u tefa’ l-ballun fix-xibka għall-hatrick personali u t-tielet goal tal-Gżira United fost dillirju tal-partitarji Gżirjani. Għargħur ippruvaw jibdlu xi ftit l-affarijiet fejn f’żewġ minuti rajna żewġ sostituzjonijiet, Karl Vella Petroni jieħu post Shaun Vella u Brian Chetcuti ħa post Alan Spiteri. Bejn dawn is-sostituzjonijiet rajna lir-referee jieħu isem Alessandro Pirrone wara li dan għadda xi rimarki lejn l-assistent referee. Gżira ukoll ghamlu t-tieni sostituzzjoni fejn daħal Malcolm Sultana flok il-ħabrieki Thane Micallef. Fl-erbgħa u tmenin minuta logħob rajna lil Għargħur jiskorjaw permezz ta’ Brian Chetcuti iżda l-logħob kien diġà ġie mwaqqaf għal pożizzjoni irregolari ta’ offside ta’ l-istess player. Minuta wara rajna through ball tajjeb ta’ Alessandro Pirrone lejn Richard Attard fejn għal darba oħra l-assistent referee xejjer il-bandiera għal offside dubjuż. Fis-sitta u tmenin minuta rajna t-tielet u l-aħħar sostituzzjoni għal Gżira United fejn daħal jilgħab Steve Gatt flok Richard Attard. Kienu Gżira li setgħu għamluhom erbgħa meta minn cross tajjeb ta’ Alessandro Pirrone lejn is-sostitut Malcolm Sultana fejn rajna x-shot tiegħu jiġi newtralizzat mill-goalkeeper Aquilina. Għargħur ippruvaw jagħmlu l-aħħar reazzjoni meta l-goalkeeper tal-Gżira Keith Camilleri nnewtralizza cross ta’ Carmel Muscat. L-aħħar azzjoni ta’ nota tal-partita waslet minn shot tas-sostitut tal-Gżira Steve Gatt fuq cross ta’ Alessandro Pirrone li l-goalkeeper Aquilina reġa’ salva tajjeb. Fil-ħin miżjud rajna l-player ta’ Għargħur Dylan Musu jiġi muri l-karta safra. Mas-suffara finali tar-referee stajna naraw il-ferħ meritat tal-players u s-supporters Gżirjani li ġabu t-tielet riżultat pożittiv u reġgħu taw risposta lill-kritiċi li kkundannaw lit-team tal-Gżira qabel biss kien beda l-kampjonat.
Gzira United: 12 Keith Camilleri, 8 Hubert Gatt Bonello, 15 Gordon Mizzi (4 Joseph Mallia), 2 James Tabone, 3 Neil Gatt Coleiro, 16 Joseph Felice, 77 Matthew Cocks, 20 Thane Micallef (26 Malcolm Sultana), 18 Miguel Mifsud, 10 Richard Attard (7 Steve Gatt), 9 Alessandro Pirrone
Res: 88 Ryan Marmara, 11 Joseph Gatt, 69 Nico Corito, 49 Clayton Micallef.
Gharghur: 22 Mark Aquilina, 18 David Galea, 5 Daniel Borg, 2 Carmel Muscat, 3 Jonathan Buttigieg, 11 Dylan Musu, 8 Ian Borg, 19 Robert Southward, 6 Edmond Lapira, 7 Alan Spiteri (16 Brian Chetcuti), 9 Shaun Vella (10 Karl Vella Petroni)
Res: 1 Michael Incorvaja, Clint Zammit, 4 Andre Azzopardi, 13 Marco Mercieca, 14 Gareth Galea