Draw bejn Ġżira United u Żurrieq fejn gawdew l-aktar Luxol u Lija Athletic.

Gżira United u Żurrieq qasmu l-punti f’logħba milgħuba f’riħ qawwi u xita kontinwa fejn l-aktar li kienu kuntenti b’dan ir-riżultat kienu St. Andrews u Lija Athletic li ma ntlaħqux mil-maroons fl-ewwel post tal-klassifika tat-tieni diviżjoni.

Il-kundizzjonijiet diffiċli tat-temp għamluha faċli għaż-żewg difiżi biex ikunu superjuri fuq l-attakkanti rispettivi .  Kienu Gżira li ħarġu fuq l-offensiva u kienu perikolużi fl-ewwel azzjoni tal-logħba meta kien Keith Bonello li xeħet ftit barra b’daqqa ta’ ras perikoluża minn pożizzjoni tajba.    Kien imiss liż-Żurrieq li jersqu viċin li jmorru fil-vantaġġ meta fis-sitt minuta kien xutt ta’ Jason Saliba li għadda ftit gholi mil-lasti difiżi minn Keith Camilleri.  Fl-għoxrin minuta Żurrieq reġgħu kienu perikolużi minn xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa l-kbira ta’ Daniel Zammit li falla l-mira.

Kienu Żurrieq li baqgħu perikolużi u f’azzjoni oħra denja ta’ nota kien Karl Sacco biċ-ċans li jiftaħ l-iskor.  Gżira bdew bil-mod jidħlu aktar fil-logħba u resqu viċin darbtejn permezz ta’ Neill Gatt Coleiro u Josef Felice.  Fit- tnejn u tletin minuta logħob rajna l-aħjar azzjoni tal-logħba sa issa meta kien il-goalkeeper ta’ Żurrieq  Julian Azzopardi li ħareġ minn postu u ntefa f’saqajn Nico Corito biex salva goal ċert.

Mat-tmienja u tletin minuta logħob kien imiss lil Żurrieq li jersqu lejn il-lasti ta’  Camilleri iżda ix-xutt b’saħtu ta’ Oluseyi Ogun għadda ftit għoli. L-aħħar azzjoni ta’ nota ta’ l-ewwel taqsima waslet għand il-maroons.  Kien freekick insidjuz ta’ Hubert Gatt Bonello u Keith Bonello xeħet ftit barra b’daqqa ta’ ras.

It-tieni taqsima kompliet fuq l-istess andament ta l-ewwel taqsima bil-Gżira komplew ifitxu li jiftħu l-iskor u resqu viċin fil- wieħed u ħamsin minuta logħob minn freekick insidjuż ta’Neil Gatt Coleiro.  Kien freekick ieħor insidjuż ta’ Neil Gatt Coleiro fil-ħamsa u ħamsin minuta logħob li ressaq lil Gżira viċin li jiftħu l-iskor imma d-daqqa ta’ ras ta’ Alessandro Pirrone tgħaddi ftit barra.

Kien imiss liż-Żurrieq li jfallu ċans tad-deheb meta fil-wieħed u sittin minuta logħob kien Clive Shumba waħdu quddiem il-lasta tal-maroons jikkonkludi għoli.  Gżira kienu għoddhom marru fil-vantaġġ iżda kien Azzopardi b’diffikulta dawwar il-ballun għal corner xutt mill-bogħod ta’ Josef Felice.  Fil-wieħed u tmenin minuta logħob Żurrieq spiccaw jilgħabu b’għaxar minn nies wara li tkecca Davide Mula ghat-tieni karta safra.  Mill-freekick inkariga d-debuttant Antoine Galea bix-xutt tiegħu impenja  lil goalkeeper ta’ Zurrieq Julian Azzopardi. 

Gzira United: K Camilleri, A White, H Gatt Bonello, M Sultana, N Gatt Coleiro, M Cocks (A Galea), K Bonello, J Felice, T Micallef, N Corito (S Gatt) A Pirrone (R Attard)

Żurrieq:  J Azzopardi, D Mula, J Briffa, D Bellizzi, C Gatt, K Sacco, J Saliba, D Bonnici, C Shumba, D Zammit (M Abdilla) O Ogun (S Sammut)